Strixxikli - comics - Malta
  Karattri
 



 


 

IL-KAĊĊATUR  ta’ Ġorġ Mallia - Avventura (1982) u  Il-Komik (1983-1984)



Fil-kreazzjoni ta' AVVENTURA (1982) l-univers kien ikkontrollat minn ĦAS-N III li kien l-Imperatur Gallattiku. L-ordni u l-paċi kienet tinżamm permezz tal-patrolluri gallattiċi iżda fit-trufijiet fejn dawn ma kinux jilħqu, l-kriminalità kienet kotrana. Għalhekk intbagħtu merċinarji biex jeliminaw lil dawn il-ħaljin. Dawn il-merċinarji kienu jissejħu l-KAĊĊATURI TAL-KRIMINALI. L-eroj tagħna (bla isem) jagħmel dan ix-xogħol, idur minn fuq dinja abbandunata għal oħra diżabitata jikkaċċa l-iżbanduti. Hemnhekk, il-Kaċċatur jiltaqa’ ma’ spirti, nies li jinbidlu f’mostri, pupi li jinbidlu f’kreaturi qerrieda u nies tajbin u oħrajn ħżiena li ximinndaqqiet illaqqgħuh mal-passat tiegħu stess jew iħabbluh f’mistoqsijiet li mhux dejjem jagħraf iweġibhom. Minkejja li hu merċinarju, l-kaċċatur tagħna ta’ bla isem, bħal kull eroj ieħor, jaqdi dmiru bl-aktar mod ġust u juri ħniena anki ma min irid jeqirdu.

 
Il-kaċċatur jiġġerra minn fuq pjaneta għal oħra f’vettura spazzjali. Huwa jġorr fuqu arma li tispara raġġi li jqattgħu saħansitra l-blat. Iżda mhux dejjem kien juża l-arma. Kien hemm episodji li ħadha mal-għadu tiegħu bil-ġlied ta' idejn biss. Drabi oħra l-arma tiegħu kienet il-kelma jew il-ħsieb. L-uniformi tiegħu hija kisja intiera, griża jew sewda u issikkata miegħu. Dirgħajh barra imma bil-pulzieri tal-metall. Ma’ qaddu ċintorin oħxon li miegħu jdendel l-arma. Xagħru twil s’għonqu u b’faxxa ħamra marbuta ma’ rasu bit-truf iperpru. Bûz f’riġlejh. Wiċċu smajjar u bil-mustaċċi folti. Kien hemm waqtiet fejn deher bil-mantell iżda dan ma jidhirx li hu parti mill-kostum tiegħu. 

________________________________________________________________________







SAJJETTA  ta’ Joseph Farrugia Il-Komik (1983-1984)

Ismu popju huwa JONINN u meta kien għadu tarbija tat-twelid, nstab taħt it-tiġrif ta’ bini li infaqa’ minn ġewwa b’xi sajjetta misterjuża. Ix-xjenzat li kien qed jagħmel l-istħarriġ fuq il-każ kien ħbieh mill-awtrotajiet għax fuq wiċċu kellu s-sinjal projbit tat-tama. Dan ġara fuq il-pjaneta MUNDRA, fil-belt kapitali BUDSKA, belt kolta u artistika li kienet maħkuma u oppressata mll-KABURI IMPERJALI. Ix-xjenzat (MNAJ)li sab it-tarbija Joninn, ħadha u rabbiha hu. Sa mill-bidu kien induna li din kienet tarbija b’poteri sopranaturali. Joninn kiber u bla ma ried, beda jwettaq il-profezija ta’ ŻAGAR, dik li kient tgħid li l-Mundrani kellhom isibu l-ħelsien tagħhom f’dak il-bniedem li s-simbolu tat-tama jkun jixgħel fuq wiċċu. Il-kaburi ma damux ma ntebħu bit-theddida ta’ SAJJETTA u qabbdu lill-istess Mnaj li kontra r-rieda tiegħu kellu jibni arma li teqred lil Sajjetta. Din l-arma kienet SAĠITAR, robot nofsu xbiha ta’ żiemel u nofsu xbiha ta’ bniedem. Mnaj kien xjenzat kapaċissmu u għalhekk Saġitar kien invinċibbli. Waqt battalja mill-aktar qalila, Sajjetta jitlef u jinqabad priġunier. Il-Kaburi raw li kien sogru kbir biex iżommuh maqful f’inkubatur. Għalhekk qatgħuha li jtuh il-mewt quddiem il-folol miġbura sabiex jagħtu eżempju bih u għalhekk ħadd m’għandu jazzarda jqum konta l-kaburi. TAMARA il-maħbuha ta’ Joninn u bint ix-xjenzat Mnaj, tipprova teħilsu imma ma jirnexxilhiex. Mnaj juża t-telepatija biex iqajjem lil Sajjetta mill-bozza li fija kien maqful u llupjat. Sajjetta jqum u jsalva lil Tamara u lil Mnaj mill-kwartieri li servewh ta’ ħabs għal żmien twil. It-tlieta li huma jħallu l-belt ta’ Budska u jimbarkaw fuq vjaġġ lejn l-lvant ta’ Mundra fejn il-kaburi ma kinux jaħkmu. Iżda t-thedida ta’ Saġitar tkompli ssus warajhom.
 

Sajjetta u n-nies ta’ Mundra huma ta’ ġilda kaħla. Fuq wiċċhom huma għandhom xehwa sewda li għandha xi forma jew oħra. Iżda fuq wiċċ Sajjetta, ix-xehwa hija eżatti bħas-simbolu tat-tama tal-Mundrani. Sajjetta jxidd fuqu kisja intiera ssikata miegħu, lewn il-ġilda kaħla u b’faxx ikħal skur li jinżel t’tixtira sa ħaswejh. Imbagħad f’idejh bħal par ingwanti twal u par kalzetti twal issikati miegħu. Ix-xedd ta’ saqajh bħal bûz qasir u ħafif li juri sewwa il-forma tas-sieq. F’idu jġorr bħal lanza rqiqa ġejja għal ponta lapes fiż-żewġt itruf tagħha. Meta titwaddab, tinfed anki l-ħadid. Sajjetta għandu fih bħal elettriku li jgħinu jintrefa mill-art, jaqbeż u jtir f’akrobazija perfetta. 


__________________________________________________________________________






NEDUSEL minn Ġrajjiet fuq Seldoras ta' Davida Flores (l-orizzont 2005 - 2006) 



Nedusel tgħix fuq id-dinja ta’ Seldoras, dinja li fiha bnedmin, elfi, sħaħar, nani, ġganti u bosta razez oħra. Xogħolha hu ta’ sentinella, għassa mal-fruntieri tal-masġar ta’ NIMLOR. Darba minnhom meta kien imissha tkun għassa, l-villaġġ tagħha jkun attakkat u maħruq filwaqt li n-nies kollha jittieħdu priġunieri. Iżda Nedusel teħlisha ħafif. Hija tiltaqa’ ma’ KALDIR, saħħar li jfissrilha kif L-ISFERA li Nedusel sabet madwar sena ilu fil-masġar, kienet il-kaġun ta’ dan il-għawġ kollu. Kienet sfera (bħal boċċa tal-kristall) maħluqa mis-saħħar CALAHAD li ħalef vendetta u qerda fuq Seldoras.  Calahad miet imma l-isfera baqgħet bil-potenzjali li jekk taqa’ f’idejn il-qawwiet tal-ħażen, tintuża biex minnha joħorġu l-qilla u s-saħta li kellu Calahad għal Seldoras. L-isfera u s-setgħat tagħha effettwaw lil Nedusel tant li bdiet tara viżjonijiet fil-passat u fil-futur u hija ħasset fuqha t-toqol tar-responsabbiltà biex din l-isfera ma titteħidx mill-għedewwa ta’ niesha. Hija riedet tmur tfittex lill-ġenituri tagħha u telqet għal għonq it-triq. Sadanittant fis-saltna ta’ l-elfi, l-popli kollha ta’ Seldoras qablu li ssir gwerra kontra l-qawwiet tal-ħażen. Kaldir kien qal lil Nedusel li l-isfera setgħet tinqered b’qatra ilma  mill-fonti tad-deheb. Hija sikwit kienet tara viżjonijiet ta’ dan il-fonti.
 
L-avventura ta’ Nedusel hija twila u mimlija intriċċi kurjużi, mżewqa bi ħwejjeġ tas-seħer, battalji telfiet u rebħ li jwasslu biex is-setgħa ta’ l-isfera tingħeleb darba għal dejjem.


_____________________________________________________________________________




ARATHOR minn Ġrajjiet fuq Seldoras ta' Davida Flores (l-orizzont 2005 - 2006) 


Arathor huwa elf qalbieni u ġellied mill-aqwa. Huwa jmexxi l-belt ta’ l-elfi u l-maħbuba tiegħu hija l-Prinċipessa tal-Bnedmin – Lauredel. Huwa kemmxejn kwiet u jħobb iżomm għalih. L-akbar [abib tiegħu huwa s-saħħar Kaldir u flimkien qed ifasslu pjan kif se tinqered l-isfera ta’ Seldoras. Lil Nedusel jagħtiha t-taħriġ kollu meħtieġ sabiex issir ġellieda mill-aqwa. Minn hemm tibda tinbet ħbiberija kbira.



_____________________________________________________________________________




KALDIR minn Ġrajjiet fuq Seldoras ta' Davida Flores (l-orizzont 2005 - 2006) 

Is-saħħar Kaldir ilu jgħix mijiet ta’ snin fuq Seldoras u jiftakar sew iż-żmien meta beda l-għawġ tagħha. Huwa

jsalva lil Nedusel fil-bidu tal-ġrajja u f’qalbu jkun jaf li hi b’xi mod jew ieħor se jkollha sehem importanti fl-istorja ta’ Seldoras. Huwa saħħar mill-aqwa, b’paċenzja kbira jgħallem u jispjega u għandu fiduċja kbira fin-nies ta’ madwaru.  Ma’ Arathor l-elf, jiftiehem mill-ewwel u jqisu bħala l-akbar ħabib tiegħu.




_____________________________________________________________________________




LAUREDEL minn Ġrajjiet fuq Seldoras ta' Davida Flores (l-orizzont 2005 - 2006) 


Lauredel hija l-wild tar-re u r-reġina tal-Bnedmin fuq Seldoras. Hija ġiet imwegħda lill-elf Arathor bħala martu. Jum fost l-oħrajn ommha u missierha jinqatlu f’ċirkostanzi strambi għall-aħħar.  Ta’ prinċipessa li hi, Lauredel tidher xi ftit imkabbra u ta’ ftit kliem. Qabel Nedusel tibda l-vjaġġ twil tagħha tagħtiha ġiżirana bil-perli u twissiha biex ma tgħid lil ħadd biha. Il-ftit kliem u l-mossi mkabbrin tagħha ma jħallux ħbiberija tikber bejnha u bejn Nedusel. Nedusel, fil-fatt, ma tantx tħobb tkun ħdejn Lauredel.



_____________________________________________________________________________





TUMASINU ta' Carlo Desiderati (Children's Own 1956 - 1958) 


Żewġ paġni separati minn Children's Own 1956 u 1957.

Tumasinu huwa tifel fuq ruħu u sikwit jaqa' għat-tentazzjoni ta' xitan żgħir li jismu BIKI BIKI. Sabiex jgħin lil Tumasinu, mill-Ġenna jintbagħat HELI, anġlu ċkejken li jsir l-Anġlu Kustodju tiegħu. Tumasinu sikwit jidħol għal xi brikkunata mbagħad jispiċċa jindem u jrabbi l-għaqal bis-saħħa ta' Heli. 

____________________________________________________________________________






L-OLFI ta’ Ġorġ Mallia (Il-Komik 1984)


L-olfi huma nies żgħar bħan-nani u jgħixu fl-irħula taħt il-muntanja WIVREN. Hemmhekk jgħammar DRAGU,dragun li skond l-istejjer kien qalil u darba kull mitejn sena jinżel biex jagħmel ħerba mill-olfi. TONNI il-gwardjan tar-raħal, b'kuraġġ kbir jeħodha ma' DRAGU u jirnexxilu jitfilu n-nar li kien ħiereġ minn ħalqu. Imma jinstab li DRAGU ma kienx dak id-dragun qalil kif semgħu fl-istejjer imma kellu storja oħra x'jirrakkonta lill-olfi.


______________________________________________________________________



L-avventuri ta' Kieth u Sharon  ta’ Davida Flores (L-orizzont 2002) 

Sharon hija tifla ta’ 13-il sena, fuq ruħha u tħobb il-kumpanija tal-ħbieb. L-akbar ħabib tagħha huwa Kieth. Kultant Sharon ma taħsibhomx u l-għawġ iġġibu b’idejha iżda Kieth dejjem jgħinha toħroġ minnu. . Kieth hu ta’ mpar Sharon, imma bil-għaqal u mdorri jżomm ‘il bogħod mill-inkwiet iżda bla jrid jinħakem mill-ispirtu avventuruż ta’ ħabibtu Sharon.


_____________________________________________________________________




Katia u Stephen mill-avventuri ta' Kieth u Sharon ta' Davida Flores (L-orizzont 2002) 



Katia u Stephen għandhom 9 snin. Katia hija oħt Kieth u Stephen huwa ħu Sharon. Minħabba li għadhom żgħar u wkoll avventurużi, mhux darba u tnjen jidħlu bejn il-basla u qoxritha. Imma ż-żewġt itfal għandhom sens biżżejjed biex jieħdu tagħlima minn kollox.


____________________________________________________




Jennifer u Matthew minn Mixja fl-Istorja ta' Davida Flores (L-orizzont 2002 - 2003)


Matthew huwa tifel tassew intelliġenti. Huwa rnexxielu jivvinta magna li timxi lura u ‘l quddiem fiż-żmien.  Minħabba li hu tajjeb fix-xjenza, Matthew jsibha faċli biex isolvi l-problemi li jiltaqgħu magħhom hu u Jennifer tul il-vjaġġi tagħhom. Kultant imma, jinħakem minn biża’ u mn’alla tkun Jennifer li tagħmillu kuraġġ.  L-ewwel darba li Matthew talab lil Jennifer biex tmur tara l-magna taż-żmien li kien ivvinta, ma riditx temmen ‘l għajnejha. Jennifer tajba fl-iskola iżda żgur mhux daqs seħibha Metthew. Barra minn hekk, tippreferi l-lingwi milli x-xjenzi.  Għandha moħħha jilħqilha sewwa u bil-kuraġġ tagħha ma kinitx l-ewwel darba li t-tnejn ħelsuha mill-għawġ li nqala’ matul il-vjaġġi tagħhom.




____________________________________________________________________




Myriel minn "Ġrajjiet tas-seħer f'Perlamor" ta' Davida Flores (L-orizzont 2003 - 2004)

Myriel hija waħda mill-eroj fi”Ġrajjiet tas-seħer f'Perlamor”, li flimkien ma’ Feren u Theur, tgħin lil dawk li jgħixu f’Perlamor kontra l-kefrija ta’ Kasad.  Fi ċkunitha, saħħara twajba kienet tatha mera ċkejkna li permezz tagħha Myriel tista’ tieħu suriet oħra għal ammont ta’ ħin. Myriel kemm-il darba jkollha tuża dan is-seħer, kemm biex tgħin lil xi ħadd fil-bżonn kif ukoll biex tgħin lill sħabha stess li jkunu f’xi diffikultà. Tuża wkoll il-qaws u l-vleġeġ.



__________________________________________________________________




Feren minn "Ġrajjiet tas-seħer f'Perlamor" ta' Davida Flores (L-orizzont 2003 - 2004)

Feren ukoll għandu setgħat tas-seħer. Permezz ta’ mantel bil-barnuż, huwa jista’ jsir trasparenti u jirnexxielu jitkixxef dwar bosta affarijiet li jagħmlu l-għedewwa fid-dinja ta’ Perlamor.  Huwa wkoll kuraġġuż ħafna u l-hena tiegħu jiġġieled bix-xabla kontra l-orki.


___________________________________________________





Theur minn "Ġrajjiet tas-seħer f'Perlamor" ta' Davida Flores (L-orizzont 2003 - 2004)


Theur ukoll eroj qalbieni li flimkien ma’ Myriel u Feren ikompli jissielet kontra kull ħlejqa tal-ħażen li trid iġġib il-qirda ta’ Perlamor. Fi ċkunitu, s-saħħara t-tajba tatu borża li meta huwa jlissen kliem tas-seħer, ikun jista’ joħroġ li jrid minnha. Barra minn hekk, huwa kapaċi ħafna fil-ġlied bis-sikkina.




_______________________________________________________________




Christine minn "Id-djarju ta' l-1881" ta' Davida Flores (L-orizzont 2004)


Christine għandha ħdax-il sena u hija kemmxejn imqarqċa. Ma tantx tħobb tistudja wisq iżda għandha għal qalbha l-kant, u huma l-uniċi lezzjonijiet li tieħu bis-serjetà fl-iskola. Christine għandha qalbha tad-deheb u tagħmel minn kollox biex tgħin lil min ikollu bżonn. L-akbar ħabib tagħha huwa John. John iħobb ħafna l-kumpanija ta’ Christine, imma minħabba fiha dejjem jispiċċa fl-inkwiet.  John huwa tifel li jħobb jobdi u ftit li xejn iħobb jirriskja. Iżda meta Christine tgħidlu x’kienet sabet fil-klassi tagħha ta’ l-iskola ma setax joqgħod bi kwietu. Madankollu dejjem hu jkun li jrażżan lil Christine milli tagħmel xi bawxata, kultant għax jibża’ u kultant għax għandu iktar sens f’moħħu. Jane hija għalliema fl-iskola ta’ John u Christine. Hija  tgħallem il-Malti u l-kant u għalhekk saret iktar midħla ta’ Christine.  Minħabba li għadha kif bdiet il-karriera tagħha, Miss Jane, mhux l-ewwel darba li tisma’ lil min imaqdarha għax tkompli wisq mat-tfal.  Iżda hija tiftakar iż-żmien meta kienet studenta f’dik l-istess skola u tipprova tkun l-għalliema li dejjem xtaqet li jkollha hi.


_________________________________________________________________




 

 

XAVALIER XOTT  ta’ Mikiel (Il-Komik 1984)


XAVALIER XOTT huwa kavallier li kull oġġett li ma jagħrafx, jaħsbu l-għadu u kull ċaqliqa żejda jeħodha b'attakk. Xogħlu hu li jħares il-kastell tal-Gran Mastru. Bħala assistent tiegħu għandu lil ABDUL it-tork l-iswed u flok żiemel għandu ħmar.

__________________________________________________________________________________





TELLERITA ta’ Trevor Zahra (Il-Komik 1984 u Sagħtar 1984 - 1985)


Tellerita hija għasfura li tredden ħafna u tqalleb il-kliem biex toħroġ b'sentenzi li jġibulek ilsienek għoqda. Hija dejjem tmur ttaqtaq u tparla ma' bebbuxu li miskin, irid jew ma jridx ikollu joqgħod jismagħha.

____________________________________________________________________________________






BUSUFU TA’ ŻMIEN IL-ĦAĠAR  ta’ Sandra Abela (Sagħtar 1996 - 1998 / 2004 - 2005)




BUSUFU ta' żmien il-ħaġar huwa bħal bniedem-bestja, sufi minn rasu sa patattu iżda tistħajlu xi pupu tal-fufu, ġustuż u karezzabbli. Imma minkejja l-kwalitajiet ħelwin tiegħu ftit jirnexxielu jattira xi tfajla sabiħa biex issir tħobbu. Ħafna drabi l-avventuri romantiċi tiegħi jintemmulu bi qsim il-qalb imma b'mod komiku għall-aħħar.

______________________________________________________________________





L-EROJ ta’ Ġorġ Mallia (Sagħtar 2000)



It-Tewmin JOE u SANDRA marru ħajk u b'kumbinazzjoni jsibu kaxxa li fiha jkun hemm żewġ ġiżirajjen bid-domni. Mill-kaxxa tkun ipproġettata ologramma ta' ERBERUS li jkun ġej minn eluf ta' snin fil-futur u jispjegalhom li, x-xjenzati ta' żmienu vvintaw dawk id-domni sabiex jagħtu poteri straordinarji lil min jilbishom. Dan għax fi żmienhom, jiġifieri fil-futur, kien hemm bosta inkwiet. Ix-xjenzati beżgħu li d-domni jaqgħu f'idejn ħżiena għalhekk ħbewhom fil-passat. L-ologramma ta' Erberus ħeġġet lit-tfal ma jibżgħux u jilbsu d-domni, ifaqqgħu idejhom ma’ xulxin darbtejn u ...hekk hu!!!... jinbidlu f'żewġ super eroj. It-tfal awtomatikament isibu ruħhom libsin kostum abjad bil-bûz, mantel u elmu aħmar. Fuq sidirhom u fuq l-elmu s-simbolu tad-domni, jiġifieri, “e” b’żewġt idnub. Erberus jgħidilhom li huma kellhom jiskopru l-poteri tagħhom huma u jwettqu dmirijiethom bħala eroj. Il-poteri indikati huma dawk li jittajru b’veloċità qawwija, saħħa barranija u dawl qawwi li joħroġ minn għajnejhom.

________________________________________________________________________






 

MINI U GRIZ (MINIBUGZ - Life&Style 2002) Storja Anthony Busuttil u tpenġija Roberta Giusti


MINI U GRIZ jitilqu mill-foresta fejn kienu joqogħdu ma' ommhom u jagħmlu vjaġġ lejn Malta fejn jibdew l-avventuri tagħhom. Huma jitħajru jaħdmu programm televiżiv u hemmhekk jiltaqgħu mal-PROFS, karattru li jifhem f'kollox. Tidher ukoll il-FAIRY li bit-tjubija tagħha dejjem tipprova tgħin liż-żewġ orsijiet ċkejknin.

____________________________________________________________________________






ABIGAJL u l-fifra saħħarija” ta’ Mikiel (Sagħtar 1990 - 1991)



ABIGAJL kienet qiegħda tivvjaġġa lejn il-Belt ta' Abu fejn kollox kien sabiħ u kulħadd kuntent. Magħha kellha lil ĦAĠĠI, nanu makakk u żaqqieq, kif ukoll lil QALBUFIDU, ġolf ta' bniedem imma moħħi żgħir. Qalbufidu ma kienx jitkellem u kien jaf biss isejjaħ lill-qżieqeż li tant kien iħobb. It-tlieta li huma ta' sikwit isibu ruħhom f'xi biċċa saram imma l-fifra saħħarija ta' Abigajl kienet dlonk taqlagħhom minnha kif ukoll iġġibilhom ir-riżq.

_________________________________________________






IL-WIED GĦAN-NIŻLA ta' Mikiel Galea (Sagħtar 1992 -1996) 


In-NEMES huwa wieħed mill-karattri ewlenin ta' din is-sensiela ta' IL-WIED GĦAN-NIŻLA. Huwa l-propjetarju ta' miżbla u sikwit narawh fiha bil-qiegħda fuq sufan imqatta', jippjana kif se jisfrutta l-ġid naturali tal-wied li għandu ma' ġenb l-istess miżla tiegħu. Bħala assistenti tiegħu nsibu s-SERP u l-KORVU, imsejħin hekk b'laqamhom. Min-naħa l-oħra, fil-wied insibu lil ĠERAMIJA (fenek), MIJA l-fekruna u ĠANBUBLU (għasfur) li dejjem jirnexxilhom iżommu lin-Nemes milli jagħmel xi ħerba ambjentali. Fil-verżjoni tal-komik L-ISTRIXX (2007) ta' Joseph Xuereb, aħna nerġgħu naraw lin-Nemes fl-istess sitwazzjoni imma b'assistenti differenti (XADIN u PAPPAGALL) u kkonfrontat b'avversarji differenti (MERILL, BALLOTTRA u QABRU).


IL-WIED GĦAN-NIŻLA Sagħtar 1993 u oħra ta' 1995. Ukoll mill-istrixx 2007.

_________________________________________________________________________





IL-PRASPAR TAL-BUŻNANNA anon. (Antenna 1997)

Il-Bużnanna tipprova tkampa mal-ħajja moderna bit-teknoloġija u d-drawwiet ġodda li jġibu magħhom. Hija sikwit tqiegħed id-drawwiet u t-teknoloġija antika ta' żmienha f'kompetizzjoni ma' dik ta' neputiha ċkejken. Mhux darba u tnejn ġabitha żewġ bir-rimiżolji tagħha li taqla' minn xi armarju mimli trab u għanqbut.


________________________________________________________________________





ASTRO ESTER anon. (Antenna 1997)

ASTRO ESTER hija tifla li tgħix fl-ispazju. Il-pjaneti li tgħix fuqhom huma bħal gżejjer żgħar u hi tmur minn fuq waħda għal oħra skond il-praspura li tinħoloq. Il-pjaneti ikellmu lil Astro Ester bħal ma jitkellmu l-ħbieb u tiġri magħha għandha kewkba ċkejkna bl-isem ta' STELLA.


_______________________________________________________________________

Oħrajn:


IL-KONTI WERWER minn Kastell Werwer (Sagħtar 1994)
TAXI MARI (Sagħtar 1994)
NINA minn Dawra Durella (Sagħtar 1994)
BERTU PRONT (Sagħtar 1999)

ID-DI U D-DO Dimitri u Dorin ta’ Mikiel f’Sagħtar
RAFFINU ta’ Oliver Tabone 2003

________________________________________________________________________

Karattri mill-istrixxi



ĊIKKU Ċ-ĊIPP  Kitba ta’ Tony Zahra u Tpenġija ta’ Frank Bowman (Il-Komik 1983)

ĊIKKU Ċ-ĊIPP ma jagħrafx miżwed minn fulu fejn jidħol il-kompjuter imma xorta ried jixtri wieħed biex jimpika ma sieħbu HARRY. Imma b'riħet il-pika beda jitgħallem xi ħaġa fuqu.



__________________________________________________________________________





SUPERĠORĠ ta’ Sandra Abela (Sagħtar 1998 -2001)





SUPEĠORĠ huwa parodija tal-prototip tas-super eroj Amerikan. Liebes il-kostum tipiku imma mbaċċaċ u bla grazzja. B'żaqqu mqabbża 'l barra u b'espressjonijiet stil Manga, huwa jpaspar xi ħmerija kull darba li jipprova jagħmilha ta'  l-eroj. Kien ingħata l-poteri ta' Super minn STEMANDRUT, tfajjel bil-qrun mill-pjaneta Mars. Ġorġ dak il-ħin kien rieqed u ħaseb li kien qed joħlom iżda meta pprova l-poteri tiegħu mill-ewwel fattarha għax weħel ma' siġra.
___________________________________________________________________________________





ĠUĠU ta’ Roberta Azzopardi (Sagħtar 2003 - 2005)





Immirat l-iktar għall-qarrejja ċkejknin, Ġuġu jagħmel praspar innoċenti li jdaħħku liż-żgħar u jnisslu tbissima ta' ħlewwa fil-kbar.
___________________________________________________________________________





RUBEN ta’ Mark Scicluna (Sagħtar 2001 - 2002)



RUBEN, tfajjel imqarqaċ dejjem b'xi ħlieqa fuq l-għalliema tiegħu u balleċ, jirnexxielu jġibha żewġ!

__________________________________________________________________________



SABRINA S-SABI ta’ Sandra Abela (Sagħtar 2001 - 2003)



SABRINA S-SABI, bħal ma jixhed isimha, hija tifla mqarba daqs tifel u l-praspar tivvintahom.

 ______________________________________________________________________


XUMMIEMU ta' Victor Falzon

SPUTNIK ta' Robert Caruana (Sagħtar 2007)
DRAGUNU ta' Roberta Azzopardi (Sagħtar 2007)
L-AĦWA IĦIRSA ta' Samwel Mallia (Sagħtar 2007)
ĠANNI ĠAĦAN ta’ Grezju Cefai u Grezju Cefai Jr (psewdonomi)
FUFLU mill-ispazju ta' Roberta Azzopardi
L-ISTUDENT ta' Konstantinov
ĦAĠĠU MINN ĦAĠAR QIM ta' Victor Pulis
MIĊU L-FENIĊJU ta' Victor Pulis
KLAWDJU R-RUMAN  ta’ Victo Pulis 
IT-TIFEL TAL-ĦADID  ta Ġorġ Mallia
KOLOMBINA ta’ Mikiel Galea f’Sagħtar
Josib (Sagħtar 1990)

 
   
 
This website was created for free with Own-Free-Website.com. Would you also like to have your own website?
Sign up for free