L-avventura ta’ Nedusel hija twila u mimlija intriċċi kurjużi, mżewqa bi ħwejjeġ tas-seħer, battalji telfiet u rebħ li jwasslu biex is-setgħa ta’ l-isfera tingħeleb darba għal dejjem.
_____________________________________________________________________________
ARATHOR minn Ġrajjiet fuq Seldoras ta' Davida Flores (l-orizzont 2005 - 2006)
Arathor huwa elf qalbieni u ġellied mill-aqwa. Huwa jmexxi l-belt ta’ l-elfi u l-maħbuba tiegħu hija l-Prinċipessa tal-Bnedmin – Lauredel. Huwa kemmxejn kwiet u jħobb iżomm għalih. L-akbar [abib tiegħu huwa s-saħħar Kaldir u flimkien qed ifasslu pjan kif se tinqered l-isfera ta’ Seldoras. Lil Nedusel jagħtiha t-taħriġ kollu meħtieġ sabiex issir ġellieda mill-aqwa. Minn hemm tibda tinbet ħbiberija kbira.
_____________________________________________________________________________
KALDIR minn Ġrajjiet fuq Seldoras ta' Davida Flores (l-orizzont 2005 - 2006)
Is-saħħar Kaldir ilu jgħix mijiet ta’ snin fuq Seldoras u jiftakar sew iż-żmien meta beda l-għawġ tagħha. Huwa
jsalva lil Nedusel fil-bidu tal-ġrajja u f’qalbu jkun jaf li hi b’xi mod jew ieħor se jkollha sehem importanti fl-istorja ta’ Seldoras. Huwa saħħar mill-aqwa, b’paċenzja kbira jgħallem u jispjega u għandu fiduċja kbira fin-nies ta’ madwaru. Ma’ Arathor l-elf, jiftiehem mill-ewwel u jqisu bħala l-akbar ħabib tiegħu.
_____________________________________________________________________________
LAUREDEL minn Ġrajjiet fuq Seldoras ta' Davida Flores (l-orizzont 2005 - 2006)
Lauredel hija l-wild tar-re u r-reġina tal-Bnedmin fuq Seldoras. Hija ġiet imwegħda lill-elf Arathor bħala martu. Jum fost l-oħrajn ommha u missierha jinqatlu f’ċirkostanzi strambi għall-aħħar. Ta’ prinċipessa li hi, Lauredel tidher xi ftit imkabbra u ta’ ftit kliem. Qabel Nedusel tibda l-vjaġġ twil tagħha tagħtiha ġiżirana bil-perli u twissiha biex ma tgħid lil ħadd biha. Il-ftit kliem u l-mossi mkabbrin tagħha ma jħallux ħbiberija tikber bejnha u bejn Nedusel. Nedusel, fil-fatt, ma tantx tħobb tkun ħdejn Lauredel.
_____________________________________________________________________________
TUMASINU ta' Carlo Desiderati (Children's Own 1956 - 1958)

Żewġ paġni separati minn Children's Own 1956 u 1957.
Tumasinu huwa tifel fuq ruħu u sikwit jaqa' għat-tentazzjoni ta' xitan żgħir li jismu BIKI BIKI. Sabiex jgħin lil Tumasinu, mill-Ġenna jintbagħat HELI, anġlu ċkejken li jsir l-Anġlu Kustodju tiegħu. Tumasinu sikwit jidħol għal xi brikkunata mbagħad jispiċċa jindem u jrabbi l-għaqal bis-saħħa ta' Heli.
____________________________________________________________________________

L-OLFI ta’ Ġorġ Mallia (Il-Komik 1984)

L-olfi huma nies żgħar bħan-nani u jgħixu fl-irħula taħt il-muntanja WIVREN. Hemmhekk jgħammar DRAGU,dragun li skond l-istejjer kien qalil u darba kull mitejn sena jinżel biex jagħmel ħerba mill-olfi. TONNI il-gwardjan tar-raħal, b'kuraġġ kbir jeħodha ma' DRAGU u jirnexxilu jitfilu n-nar li kien ħiereġ minn ħalqu. Imma jinstab li DRAGU ma kienx dak id-dragun qalil kif semgħu fl-istejjer imma kellu storja oħra x'jirrakkonta lill-olfi.
______________________________________________________________________

L-avventuri ta' Kieth u Sharon ta’ Davida Flores (L-orizzont 2002)
Sharon hija tifla ta’ 13-il sena, fuq ruħha u tħobb il-kumpanija tal-ħbieb. L-akbar ħabib tagħha huwa Kieth. Kultant Sharon ma taħsibhomx u l-għawġ iġġibu b’idejha iżda Kieth dejjem jgħinha toħroġ minnu. . Kieth hu ta’ mpar Sharon, imma bil-għaqal u mdorri jżomm ‘il bogħod mill-inkwiet iżda bla jrid jinħakem mill-ispirtu avventuruż ta’ ħabibtu Sharon.
_____________________________________________________________________

Katia u Stephen mill-avventuri ta' Kieth u Sharon ta' Davida Flores (L-orizzont 2002)
Katia u Stephen għandhom 9 snin. Katia hija oħt Kieth u Stephen huwa ħu Sharon. Minħabba li għadhom żgħar u wkoll avventurużi, mhux darba u tnjen jidħlu bejn il-basla u qoxritha. Imma ż-żewġt itfal għandhom sens biżżejjed biex jieħdu tagħlima minn kollox.
____________________________________________________

Jennifer u Matthew minn Mixja fl-Istorja ta' Davida Flores (L-orizzont 2002 - 2003)
Matthew huwa tifel tassew intelliġenti. Huwa rnexxielu jivvinta magna li timxi lura u ‘l quddiem fiż-żmien. Minħabba li hu tajjeb fix-xjenza, Matthew jsibha faċli biex isolvi l-problemi li jiltaqgħu magħhom hu u Jennifer tul il-vjaġġi tagħhom. Kultant imma, jinħakem minn biża’ u mn’alla tkun Jennifer li tagħmillu kuraġġ. L-ewwel darba li Matthew talab lil Jennifer biex tmur tara l-magna taż-żmien li kien ivvinta, ma riditx temmen ‘l għajnejha. Jennifer tajba fl-iskola iżda żgur mhux daqs seħibha Metthew. Barra minn hekk, tippreferi l-lingwi milli x-xjenzi. Għandha moħħha jilħqilha sewwa u bil-kuraġġ tagħha ma kinitx l-ewwel darba li t-tnejn ħelsuha mill-għawġ li nqala’ matul il-vjaġġi tagħhom.
____________________________________________________________________

Myriel minn "Ġrajjiet tas-seħer f'Perlamor" ta' Davida Flores (L-orizzont 2003 - 2004)
Myriel hija waħda mill-eroj fi”Ġrajjiet tas-seħer f'Perlamor”, li flimkien ma’ Feren u Theur, tgħin lil dawk li jgħixu f’Perlamor kontra l-kefrija ta’ Kasad. Fi ċkunitha, saħħara twajba kienet tatha mera ċkejkna li permezz tagħha Myriel tista’ tieħu suriet oħra għal ammont ta’ ħin. Myriel kemm-il darba jkollha tuża dan is-seħer, kemm biex tgħin lil xi ħadd fil-bżonn kif ukoll biex tgħin lill sħabha stess li jkunu f’xi diffikultà. Tuża wkoll il-qaws u l-vleġeġ.
__________________________________________________________________

Feren minn "Ġrajjiet tas-seħer f'Perlamor" ta' Davida Flores (L-orizzont 2003 - 2004)
Feren ukoll għandu setgħat tas-seħer. Permezz ta’ mantel bil-barnuż, huwa jista’ jsir trasparenti u jirnexxielu jitkixxef dwar bosta affarijiet li jagħmlu l-għedewwa fid-dinja ta’ Perlamor. Huwa wkoll kuraġġuż ħafna u l-hena tiegħu jiġġieled bix-xabla kontra l-orki.
___________________________________________________

Theur minn "Ġrajjiet tas-seħer f'Perlamor" ta' Davida Flores (L-orizzont 2003 - 2004)
Theur ukoll eroj qalbieni li flimkien ma’ Myriel u Feren ikompli jissielet kontra kull ħlejqa tal-ħażen li trid iġġib il-qirda ta’ Perlamor. Fi ċkunitu, s-saħħara t-tajba tatu borża li meta huwa jlissen kliem tas-seħer, ikun jista’ joħroġ li jrid minnha. Barra minn hekk, huwa kapaċi ħafna fil-ġlied bis-sikkina.
_______________________________________________________________

Christine minn "Id-djarju ta' l-1881" ta' Davida Flores (L-orizzont 2004)
Christine għandha ħdax-il sena u hija kemmxejn imqarqċa. Ma tantx tħobb tistudja wisq iżda għandha għal qalbha l-kant, u huma l-uniċi lezzjonijiet li tieħu bis-serjetà fl-iskola. Christine għandha qalbha tad-deheb u tagħmel minn kollox biex tgħin lil min ikollu bżonn. L-akbar ħabib tagħha huwa John. John iħobb ħafna l-kumpanija ta’ Christine, imma minħabba fiha dejjem jispiċċa fl-inkwiet. John huwa tifel li jħobb jobdi u ftit li xejn iħobb jirriskja. Iżda meta Christine tgħidlu x’kienet sabet fil-klassi tagħha ta’ l-iskola ma setax joqgħod bi kwietu. Madankollu dejjem hu jkun li jrażżan lil Christine milli tagħmel xi bawxata, kultant għax jibża’ u kultant għax għandu iktar sens f’moħħu. Jane hija għalliema fl-iskola ta’ John u Christine. Hija tgħallem il-Malti u l-kant u għalhekk saret iktar midħla ta’ Christine. Minħabba li għadha kif bdiet il-karriera tagħha, Miss Jane, mhux l-ewwel darba li tisma’ lil min imaqdarha għax tkompli wisq mat-tfal. Iżda hija tiftakar iż-żmien meta kienet studenta f’dik l-istess skola u tipprova tkun l-għalliema li dejjem xtaqet li jkollha hi.
_________________________________________________________________

XAVALIER XOTT ta’ Mikiel (Il-Komik 1984)

XAVALIER XOTT huwa kavallier li kull oġġett li ma jagħrafx, jaħsbu l-għadu u kull ċaqliqa żejda jeħodha b'attakk. Xogħlu hu li jħares il-kastell tal-Gran Mastru. Bħala assistent tiegħu għandu lil ABDUL it-tork l-iswed u flok żiemel għandu ħmar.
__________________________________________________________________________________

TELLERITA ta’ Trevor Zahra (Il-Komik 1984 u Sagħtar 1984 - 1985)

Tellerita hija għasfura li tredden ħafna u tqalleb il-kliem biex toħroġ b'sentenzi li jġibulek ilsienek għoqda. Hija dejjem tmur ttaqtaq u tparla ma' bebbuxu li miskin, irid jew ma jridx ikollu joqgħod jismagħha.
____________________________________________________________________________________

BUSUFU TA’ ŻMIEN IL-ĦAĠAR ta’ Sandra Abela (Sagħtar 1996 - 1998 / 2004 - 2005)

BUSUFU ta' żmien il-ħaġar huwa bħal bniedem-bestja, sufi minn rasu sa patattu iżda tistħajlu xi pupu tal-fufu, ġustuż u karezzabbli. Imma minkejja l-kwalitajiet ħelwin tiegħu ftit jirnexxielu jattira xi tfajla sabiħa biex issir tħobbu. Ħafna drabi l-avventuri romantiċi tiegħi jintemmulu bi qsim il-qalb imma b'mod komiku għall-aħħar.
______________________________________________________________________

L-EROJ ta’ Ġorġ Mallia (Sagħtar 2000)

It-Tewmin JOE u SANDRA marru ħajk u b'kumbinazzjoni jsibu kaxxa li fiha jkun hemm żewġ ġiżirajjen bid-domni. Mill-kaxxa tkun ipproġettata ologramma ta' ERBERUS li jkun ġej minn eluf ta' snin fil-futur u jispjegalhom li, x-xjenzati ta' żmienu vvintaw dawk id-domni sabiex jagħtu poteri straordinarji lil min jilbishom. Dan għax fi żmienhom, jiġifieri fil-futur, kien hemm bosta inkwiet. Ix-xjenzati beżgħu li d-domni jaqgħu f'idejn ħżiena għalhekk ħbewhom fil-passat. L-ologramma ta' Erberus ħeġġet lit-tfal ma jibżgħux u jilbsu d-domni, ifaqqgħu idejhom ma’ xulxin darbtejn u ...hekk hu!!!... jinbidlu f'żewġ super eroj. It-tfal awtomatikament isibu ruħhom libsin kostum abjad bil-bûz, mantel u elmu aħmar. Fuq sidirhom u fuq l-elmu s-simbolu tad-domni, jiġifieri, “e” b’żewġt idnub. Erberus jgħidilhom li huma kellhom jiskopru l-poteri tagħhom huma u jwettqu dmirijiethom bħala eroj. Il-poteri indikati huma dawk li jittajru b’veloċità qawwija, saħħa barranija u dawl qawwi li joħroġ minn għajnejhom.
________________________________________________________________________

MINI U GRIZ (MINIBUGZ - Life&Style 2002) Storja Anthony Busuttil u tpenġija Roberta Giusti

MINI U GRIZ jitilqu mill-foresta fejn kienu joqogħdu ma' ommhom u jagħmlu vjaġġ lejn Malta fejn jibdew l-avventuri tagħhom. Huma jitħajru jaħdmu programm televiżiv u hemmhekk jiltaqgħu mal-PROFS, karattru li jifhem f'kollox. Tidher ukoll il-FAIRY li bit-tjubija tagħha dejjem tipprova tgħin liż-żewġ orsijiet ċkejknin.
____________________________________________________________________________

ABIGAJL u l-fifra saħħarija” ta’ Mikiel (Sagħtar 1990 - 1991)

ABIGAJL kienet qiegħda tivvjaġġa lejn il-Belt ta' Abu fejn kollox kien sabiħ u kulħadd kuntent. Magħha kellha lil ĦAĠĠI, nanu makakk u żaqqieq, kif ukoll lil QALBUFIDU, ġolf ta' bniedem imma moħħi żgħir. Qalbufidu ma kienx jitkellem u kien jaf biss isejjaħ lill-qżieqeż li tant kien iħobb. It-tlieta li huma ta' sikwit isibu ruħhom f'xi biċċa saram imma l-fifra saħħarija ta' Abigajl kienet dlonk taqlagħhom minnha kif ukoll iġġibilhom ir-riżq.
_________________________________________________

IL-WIED GĦAN-NIŻLA ta' Mikiel Galea (Sagħtar 1992 -1996)
In-NEMES huwa wieħed mill-karattri ewlenin ta' din is-sensiela ta' IL-WIED GĦAN-NIŻLA. Huwa l-propjetarju ta' miżbla u sikwit narawh fiha bil-qiegħda fuq sufan imqatta', jippjana kif se jisfrutta l-ġid naturali tal-wied li għandu ma' ġenb l-istess miżla tiegħu. Bħala assistenti tiegħu nsibu s-SERP u l-KORVU, imsejħin hekk b'laqamhom. Min-naħa l-oħra, fil-wied insibu lil ĠERAMIJA (fenek), MIJA l-fekruna u ĠANBUBLU (għasfur) li dejjem jirnexxilhom iżommu lin-Nemes milli jagħmel xi ħerba ambjentali. Fil-verżjoni tal-komik L-ISTRIXX (2007) ta' Joseph Xuereb, aħna nerġgħu naraw lin-Nemes fl-istess sitwazzjoni imma b'assistenti differenti (XADIN u PAPPAGALL) u kkonfrontat b'avversarji differenti (MERILL, BALLOTTRA u QABRU).

IL-WIED GĦAN-NIŻLA Sagħtar 1993 u oħra ta' 1995. Ukoll mill-istrixx 2007.
_________________________________________________________________________

IL-PRASPAR TAL-BUŻNANNA anon. (Antenna 1997)
Il-Bużnanna tipprova tkampa mal-ħajja moderna bit-teknoloġija u d-drawwiet ġodda li jġibu magħhom. Hija sikwit tqiegħed id-drawwiet u t-teknoloġija antika ta' żmienha f'kompetizzjoni ma' dik ta' neputiha ċkejken. Mhux darba u tnejn ġabitha żewġ bir-rimiżolji tagħha li taqla' minn xi armarju mimli trab u għanqbut.

________________________________________________________________________

ASTRO ESTER anon. (Antenna 1997)
ASTRO ESTER hija tifla li tgħix fl-ispazju. Il-pjaneti li tgħix fuqhom huma bħal gżejjer żgħar u hi tmur minn fuq waħda għal oħra skond il-praspura li tinħoloq. Il-pjaneti ikellmu lil Astro Ester bħal ma jitkellmu l-ħbieb u tiġri magħha għandha kewkba ċkejkna bl-isem ta' STELLA.

_______________________________________________________________________
Oħrajn:
IL-KONTI WERWER minn Kastell Werwer (Sagħtar 1994)
TAXI MARI (Sagħtar 1994)
NINA minn Dawra Durella (Sagħtar 1994)
BERTU PRONT (Sagħtar 1999)
ID-DI U D-DO Dimitri u Dorin ta’ Mikiel f’Sagħtar
RAFFINU ta’ Oliver Tabone 2003
________________________________________________________________________
Karattri mill-istrixxi

ĊIKKU Ċ-ĊIPP Kitba ta’ Tony Zahra u Tpenġija ta’ Frank Bowman (Il-Komik 1983)
ĊIKKU Ċ-ĊIPP ma jagħrafx miżwed minn fulu fejn jidħol il-kompjuter imma xorta ried jixtri wieħed biex jimpika ma sieħbu HARRY. Imma b'riħet il-pika beda jitgħallem xi ħaġa fuqu.

__________________________________________________________________________

SUPERĠORĠ ta’ Sandra Abela (Sagħtar 1998 -2001)

SUPEĠORĠ huwa parodija tal-prototip tas-super eroj Amerikan. Liebes il-kostum tipiku imma mbaċċaċ u bla grazzja. B'żaqqu mqabbża 'l barra u b'espressjonijiet stil Manga, huwa jpaspar xi ħmerija kull darba li jipprova jagħmilha ta' l-eroj. Kien ingħata l-poteri ta' Super minn STEMANDRUT, tfajjel bil-qrun mill-pjaneta Mars. Ġorġ dak il-ħin kien rieqed u ħaseb li kien qed joħlom iżda meta pprova l-poteri tiegħu mill-ewwel fattarha għax weħel ma' siġra.
___________________________________________________________________________________

ĠUĠU ta’ Roberta Azzopardi (Sagħtar 2003 - 2005)

Immirat l-iktar għall-qarrejja ċkejknin, Ġuġu jagħmel praspar innoċenti li jdaħħku liż-żgħar u jnisslu tbissima ta' ħlewwa fil-kbar.
___________________________________________________________________________

RUBEN ta’ Mark Scicluna (Sagħtar 2001 - 2002)

RUBEN, tfajjel imqarqaċ dejjem b'xi ħlieqa fuq l-għalliema tiegħu u balleċ, jirnexxielu jġibha żewġ!
__________________________________________________________________________

SABRINA S-SABI ta’ Sandra Abela (Sagħtar 2001 - 2003)

SABRINA S-SABI, bħal ma jixhed isimha, hija tifla mqarba daqs tifel u l-praspar tivvintahom.
______________________________________________________________________
XUMMIEMU ta' Victor Falzon
SPUTNIK ta' Robert Caruana (Sagħtar 2007)
DRAGUNU ta' Roberta Azzopardi (Sagħtar 2007)
L-AĦWA IĦIRSA ta' Samwel Mallia (Sagħtar 2007)
ĠANNI ĠAĦAN ta’ Grezju Cefai u Grezju Cefai Jr (psewdonomi)
FUFLU mill-ispazju ta' Roberta Azzopardi
L-ISTUDENT ta' Konstantinov
ĦAĠĠU MINN ĦAĠAR QIM ta' Victor Pulis
MIĊU L-FENIĊJU ta' Victor Pulis
KLAWDJU R-RUMAN ta’ Victo Pulis
IT-TIFEL TAL-ĦADID ta Ġorġ Mallia
KOLOMBINA ta’ Mikiel Galea f’Sagħtar
Josib (Sagħtar 1990)