Fis-snin 20 u s-snin 30 fl-Amerika u fl-Ewropa bdew jidhru regolarment l-ewwel strixxi tal-comics fil-gazzetti u pubblikazzjonijiet oħrajn. Iżda l-popolarità ta' dan il-ġeneru ġdid fil-pajjiżi Ewropej donnha ma waslitx bl-istess ħeġġa u ħeffa f' Malta.
Sa issa, dak li nistgħu nittraċċaw bħala l-ewwel pubblikazzjoni fil-forma ta' tpenġija fi strixxikli, jeħodna lura biss sa l-aħħar tas-snin 40 meta fuq rivista għat-tfal bl-isem ta’ “CHILDREN’S OWN” maħruġa mill-Gvern Ingliż f’Malta għall-istudenti tal-primarja, bdew jidhru l-ewwel komiks meħudin minn rivisti Ingliżi. L-ewwel strixxikli li kellhom x'jaqsmu ma' Malta kienu dawk ta' ROBINSON CRUSOE indikati bħala specially designed for Children's Own by Mike (Malta). Bħal oħrajn qabilhom dawn l-ewwel strixxikli kienu fil-forma primittiva għaliex minflok il-bżieżaq u l-kaxxetti tal-kliem, l-istorja kienet miktuba taħt il-kwadrett ta' l-istrixxa. Iktar tard fl-1955, Joseph M. Demanuele li kien l-editur tar-rivista C.O. beda jippubblika paġna jew nofs paġna komik bl-isem ta’ TUMASINU, xogħol x'aktarx Taljan ta’ Carlo Desiderati tal-karattru TOMASINO, maqlub għall-Malti x'aktarx minn Demanuele stess.
Il-qoxra tal-ktieb ta' TOMASINO ta' Carlo Desiderati. Centro di educazione vera vita Napoli 1955. L-istess karattru li deher maqlub għall-Malti fuq iċ-CHILDREN'S OWN 1956 - 1958.
ROBINSON CRUSOE ta' Mike (1948) verżjoni Sagħtar (1981) u TUMASINU ta' Desiderati (1956) f' Children's Own.
L-ewwel komiks għall-bejgħ kienu impurtati, prinċiparjament mill-Ingilterra u mill-Italja, b'kontenut fuq il-gwerra u l-futbol. Kellna l-fumetti bl-istejjer polizjeski Taljani kif ukoll is-super eroj Amerikani u ovvjament il-famużi komiks tal-Beano u d-Dandy. M’għandniex l-impressjoni li dawn kienu jinbigħu bħall-pastizzi u jekk kienu ma jidhirx li ħajru wisq l-artisti Maltin biex jaqbdu din il-linja, probabbilment minħabba r-realtajiet kulturali u ekonomiċi fil-pajjiż. F’din id-damma kronoloġika aħna rridu nikkonċentraw iktar fuq il-mixja u l-iżvilupp tal-istrixxiklu Malti jiġifieri dak ix-xogħol imsawwar lokalment u indirizzat lill-qarrejja tal-gżejjer Maltin.
Sas-snin 60 ma jidhirx li ħarġet xi pubblikazzjoni fil-ġeneru tal-comics hawn Malta, minkejja li dan, f’pajjiżi bħall-Amerika, l-Ewropa u l-Ġappun kien qed jikber fil-popolarità b’rata tassew mgħaġġla.
Lejn l-aħħar tas-snin 60 , Joseph Mallia u Ġorġ Mallia kienu fost il-ftit li daħħlu b'ruħom u ġisimhom biex ifasslu u jħożżu stejjer bl-istampi li kellhom jaraw id-dawl fil-bidu tas-snin 70.
Il-Knisja tal-Ħlas (1974) ta' Ġorġ Mallia, Ir-Rewwixta ta' l-Ilsiera (1976) ta' Joe Mallia u Viku Mason (1977) ta' Ġorġ Mallia f'Sagħtar
Fis-snin 70 tnidiet ir-rivista popolari SAGĦTAR immirata għat-tfal fl-iskejjel sokondarji bl-iskop li tnissel fihom sens ta’ identità nazzjonali u imħabba lejn il-kultura, x-xjenza u l-letteratura. Id-diriġenti ta' SAGĦTAR għarfu l-potenzjali tar-rakkont impenġi u ma damux wisq ma bdew jinfilsaw fih l-istrixxikli, minn id Joseph Mallia, Ġorġ Mallia u oħrajn. Dawn l-istrixxikli setgħu jinqalgħu min-nofs tar-rivista u jiġġemmgħu bħall-faxxikli tar-rumanzi u min ried seta’ jillegahom flimkien. Hekk jidher li kien il-bidu ta' l-istrixxiklu indiġenu Malti. Grazzi għal SAGĦTAR u d-diriġenti tiegħu, l-istrixxiklu baqa’ jimmanifesta ruħu u jikber f’forom u stili diffferenti ta’ komiks u strixxi, matul iż-żmien. U hekk għadu sal-lum.
Strixxa ta' Ġorġ Mallia: ADRON RE fuq il-gazzetta IL-MUMENT. Aktar tard kienu volumizzati fi ktieb wieħed.
Fil-gazzetta tal-Ħadd, IL-MUMENT, dehru ADRON RE, strixxa serjalizzata ta’ Ġorġ Mallia kif ukoll KISMET ta’ Joseph Farrugia bl-istess forma.
Fis-snin 80 bdejna naraw l-ewwel kotba Maltin kompletament strixxikolati, uħud minnhom b’xi 30 paġna jew aktar. Fost dawn kien hemm ADRON RE, l-istrixxi li dehru f'IL-MUMENT, volumizzati fi ktejjeb. Ix-xogħlijiet ta’ Joseph Mallia f’SAGĦTAR kienu miġbura minn Victor Fenech fis-sensiela KOMIK SAGĦTAR. Din is-sensiela inkludiet xogħlijiet ġodda ta' artisti oħrajn fosthom Ġorġ Mallia, Joe Spiteri u Benny Agius. Is-sensiela KOMIK SAGĦTAR waqfet wara s-sitt ħarġa.
Il-Klabb Kotba Maltin beda jippubblika is-sensiela ĦREJJEF MISSIRIJIETNA imma waqfet sat-2ni ħarġa. L-istess destin mess lil AVVENTURA, l-ewwel komik tal-fantaxjenza f’Malta. Dan kellu jieqaf sat-2ni ħarġa minħabba xi problemi li nqalgħu. Jingħad li t-tielet wieħed kien lest imma baqa’ ma ħareġ qatt. Lejn nofs it-80ijiet il-pubblikaturi PEG bdew joħorġu fumett ta’ 64 paġna bl-isem ta’ IMĦABBA VERA, stejjer romatiċi ta’ mħabba u dehru ferm popolari tant li s-serje qabeż il-15-il ħarġa. Dawn fid-90ijiet kienu serjalizzati fuq l-orizzont fil-forma ta' faxxikli. IMĦABBA VERA nbeda minn Joe Sacco li kien jikteb u jpenġi l-istejjer. Sacco (illum rinomat internazzjonalment għall-ġurnaliżmu grafiku) kien daħal f'kuntratt mal-PEG sabiex jaħdem is-sensiela kollha. Penġa sas-sitt ħarġa imma ma kompliex. Il-pubblikatur imbagħad kellu jdur fuq artisti oħrajn magħrufa u mhumiex biex jissoktaw bis-sensiela. Xi wħud mill-istrixxikolisti, pinġew taħt psewdonomu.
Imħabba Vera : stejjer romantiċi 1983
Żvilupp interessant f’dan iż-żmien kien IL-KOMIK, li kien joħroġ kull ħmistax. B'Ġorġ Mallia bħala l-mutur flimkien ma' Trevor Zahra u Joseph Farrugia issieħbu ma' l-aħwa Cachia tal-MASTERPRINT u bdew jipproduċu dan il-perjodiku ta' 16-il paġna, xi ftit minnhom bil-kulur. IL-KOMIK fih tnejn mill-iktar super eroj Maltin ispirattivi li qatt ġew invintati jiġ. IL-KAĊĊATUR(Ġorġ Mallia) u SAJJETTA (Joseph Farrugia). Dawn komplew fejn ħalla AVVENTURA u magħhom imbagħad żdiedu eroj oħrajn. IL-KOMIK kien sfida kbira għall-prattika lokali fejn bosta strixxikolisti riedu jagħtu sehemhom biex jitpenġa IL-KOMIK u jasal għand il-pubbliku fi żmien ġimgħatejn. Il-pubblikaturi ta’ IL-KOMIK isostnu li kien suċċess fil-bejgħ imma waqa’ lura minħabba t-tqassim tiegħu fil-ħwienet u kellu jżarma mad-9 ħarġa.
Il-qoxriet ta' AVVENTURA (1982) IL-KOMIK (1984) u KOMIK SAGĦTAR (1985)
Matul s-snin 80 rajna wkoll it-traduzzjoni mill-Franċiż għall-Malti tas-serje strixxikolata ta’ IL-BIBBJA BL-ISTAMPI li wara 46 ħarġa ukoll twaqqfet ħesrem.
Il-Bibbja bl-istampi ta' Pierre Frisano, Paolo Eleuteri-Serpieri u Carlo Marcello. 46 faxxiklu maqlub għall-Malti u maħruġ minn Klabb Kotba Maltin fl-1985.
Fit-90ijiet rajna l-ħolqien tal-karattru XUMMIEMU minn Victor Falzon b’kolaborazzjoni mal-Gvern biex titqajjem kuxjenza favur l-ambjent. XUMMIEMU sar popolari immens mill-filmati animati qosra li deher fihom fuq it-televiżjoni u li kienu prodotti mill-kumpanija RGB Television Productions Malta. L-artist li ta l-ħajja lill-karattru ta' Xummiemu fuq it-televiżjoni kien Andrew Scicluna. Il-popolarità ta' Xummiemu waslet biex jitwaqqaf klabb ta’ XUMMIEMU u eventwalment Victor Falzon beda jpenġi strixxa fil-fuljett li kien joħroġ il-klabb. XUMMIEMU kien jappella għall-kulħadd u b'hekk sar l-iktar karattru magħruf fil-gżejjer Maltin. Minkejja dan t-timbru popolari tiegħu ta' qanfud tal-ġenn, fl-2004 ingħata bixra Manga biex jappella għall-ġenerazzjoni taż-żgħar li kienet esposta għall-kartuns u l-komiks Ġappuniżi. Interessanti li wieħed jinnota li lejn l-aħħar tas-snin 80 l-influwenza Manga bdiet tagħmel tagħha fuq il-ġenerazzjoni l-ġdida u x’aktarx li kif ġara fil-Ġermanja, it-tfajliet mqanqlin mill-istil Manga, qabdu l-pinna u tawha għall-komiks. Sandra Abela kienet minn ta' l-ewwel li bdiet tippubblika l-istrixxi tagħha fuq Sagħtar, bi stil Manga.
L-istrixxi ta' XUMMIEMU ta' Victor Falzon(1999) imbagħad mibdul fi stil Manga fl-2004. Il-qoxra tal-Ġurnal tal-Klabb Xummiemu (1999).
Is-snin 90 rajna iktar xogħlijiet ta’ artisti żgħażagħ f’paġni komik f'SAGĦTAR u rivisti oħrajn li kienu joħorġu minn żmien għal ieħor u jgħibu xi ftit wara. IMĦABBA VERA tal-PEG kienet serjalizzata fl-Orizzont f'faxxikli. Ġorġ Mallia kien ilu jagħtina strixxi fuq il-gazzetti sa mit-80ijiet. L-istrixxa tiegħu ONE FAMILY f' THE TIMES damet għaddejja għal madwar 17-il sena fuq l-istess gazzetta. Rajna wkoll il-pubblikazzjoni ta' l-epika ta' l-Assedju l-Kbir f’L-EWWEL ASSEDJU ta’ Victor Pulis, xogħol tassew impenjattiv fil-qasam ta' l-istorja ta' Malta. Ħareġ wkoll l-ewwel Manga fis-suq bl-isem ta' VA 2018 ta' Kieth Bugeja u Kurt Grech imma jidher li ma kompliex.
L-EWWEL ASSEDJU 1565 (1999) ta' Victor Pulis u VA 2018 ta Kieth Bugeja u Kurt Grech (1994)
Fis-snin 2000 b'Malta bħala membru fl-Unjoni Ewropea, l-istrixxiklu Malti deher l-aktar fil-paġna tas-Sagħtar b'debuttanti bħal Mark Scicluna, Roberta Azzopardi, Roberta Caruana u Samwel Mallia. Fil-ġurnal l-orizzont ta' kull nhar ta' Sibt, Davida Flores bdiet tippubblika strixxa li aktar tard saret paġna sħiħa fuq il-paġni tat-tfal fl-istess gazzetta. L-istrixxikli tagħha ma qatgħu xejn mindu bdiet fl-2002 u tatna sensiela wara oħra ta' stejjer u leġġendi, ħafna minnhom maħluqin minnha stess fosthom ĠRAJJIET FUQ SELDORAS ta’ 54 paġna.
Ġrajjiet tas-Seħer f'Perlamor (2003) ta' Davida Flores
Kellna wkoll pubblikazzjonijiet ġodda li inkludew fihom komiks bit-Taljan kif ukoll bl-Ingliż. Dawn kienu LO STIVALE (2007) u HEY U (2007) rispettivament. Rajna l-ewwel konvenzjoni tal-komik f'Malta organizzata fil-Kavallier ta' San Ġakbu, l-Belt u fetħu xi ħwienet li jbiegħu l-komiks Amerikani u l-merchandise tagħhom. Rajna wkoll il-ħolqien tal-karattri ta' MINNIE U GRIZ (żewġ orsijiet ħelwin għat-tfal) li mill-popolarità tat-televiżjoni marru wkoll fuq il-komik tagħhom infilsat fil-magażin LIFE & STYLE.
LO STIVALI DEL DESTINO ta' Lughermo f'Lo Stivale (2007), OTHERWORLD ta' Samwel Mallia u RADIOACTIVE RAT ta' Ġorġ Mallia u Mark Scicluna f'HeyU! (2007)
Fl-2007 ħareġ ukoll L-ISTRIXX , komik ta' 32 paġna bi produzzjoni ta' Joseph Xuereb, kitba u disinn tal-Barba Kieli. Din il-produzzjoni bdiet tippubblika xi paġna fuq ir-rivista Sagħtar f'Ottubru 2007 u f'Novembru 2007 nidiet L-ISTRIXX fi ktejjeb biex jinbiegħ fil-ħwienet. Bqajna naraw l-istejjer ta' Ekolina, (wieħed mill-karattri prinċipali ta' L-ISTRIXX) fuq ir-rivista Sagħtar biex imbagħad f'Ottubru tal-2008 tqassmet it-tieni ħarġa ta' L-ISTRIXX, b'xejn, mas-Sagħtar. L-ISTRIXX immirat prinċiparjament għat-tfal fl- età ta' bejn it-tmienja u t-tnax-il sena, jżewwaq l-istejjer tiegħu b'avventura u bi praspar ta' karattri differenti. F'Ottubru tal-2009 beda jitqassam b'xejn kull xahar mal-ġurnal L-ORIZZONT.
L-ISTRIXX għadd 1 u 2 (Stejjer Pinġuti) 32 paġna (2007/2008) u l-paġni fuq ir-rivista Sagħtar 2007- 2008.
F'Mejju tal-2009 ġiet imnedija għall-ewwel darba s-sensiela tal-Komiks tas-Sikkina. Din is-sensiela immirata għal qarrejja maturi, ħarġet l-ewwel strixxiklu bl-isem "Il-Gawgaw u L-Imlejka" u karattri oħrajn Maltin. Ftit wara ukoll il-Komiks tas-Sikkina introduċew sensiela oħra bl-isem ta' L-Għid tal-Erwieħ bi stejjer dwar il-paranormal imma b'laqta umoristika permezz ta' "Kranium", grupp mużikali rock. Il-Komiks tas-Sikkina huma komposti minn Bin Għisa, Il-Barba Kieli u l-Ħaddied li bejniethom jiktbu u jpenġu l-istejjer tal-istrixxikli li jippubblikaw. Dawn l-istrixxikli fihom bejn 40 u 48 paġna u bla kulur.
L-istrixxikli tal-KOMIKS TAS-SIKKINA li rajna il-bidu tagħhom fl-2009
F'Ottubru tal-2009 saret l-ewwel konvenzjoni tad-delettanti tal-komik fl-Malta (il-Malta Comic Con) fejn fiha ipparteċipaw bosta artisti Maltin u oħrajn barranin. Din il-konvenzjoni kienet organizzata mill-Wicked Comics. Din it-tip ta' attività kienet saret oħra bħala fl-2006 bit-titlu ta' Big Bang!
F'Ottubru tal-2010 fil-Comic Con organizzata għat-tieni darba fil-Kavallier ta' San Ġakbu, il-Belt, kienu mnedija komiks ġodda bl-Ingliż minn artisti Maltin. Dawn kienu The Tsar fuq kitba ta' Joseph Farrugia u tpinġija ta' Joseph Bugeja, u Ħal Mudlam ta' Joseph Bugeja.
Fl-istess Comic Con 2010 ħareġ ukoll The Golden Lizard taħt it-tikketta ta' TIN CAN Comics. The Golden Lizard ħareġ fil-format 16.5X24ċm tipiku ta' ħafna graphic novels amerikani. The Golden Lizard għandu l-istorja oriġinali u t-tpinġija ta' Fabio Agius, kitba ta' Chris Le Galle u kulur ta' Mark Ellul. Il-qoxra hija tal-Ingliż Tim Perkins.